Sena Ġdida… b’Xita ta’ Offerti!

 

Il-Klabb Kotba Maltin xtaq li jibda din is-sena bil-kbir.  Ix-xita tkun mistennija kuljum f’dawn iż-żminijiet… u xejn inqas, bl-offerti tal-Klabb Kotba Maltin.

Għall-bidu ta’ din is-Sena l-Ġdida, Klabb Kotba Maltin qiegħed jistiednek biex tixtri żewġ kotba u magħhom tieħu ktieb ieħor b’XEJN.  Dan isir billi wieħed iħallas għall-iktar żewġ kotba għoljin mit-tlieta, u t-tielet wieħed, allura l-irħas wieħed, jieħdu b’XEJN.

Din l-offerta hija fantastika u diġa ntlaqgħet tajjeb ħafna.  Għażel dawk il-kotba li trid illum, u tiffranka bil-kbir mal-Klabb Kotba Maltin.

Jekk wieħed irid jixtri erba’ kotba imbagħad, jista’ jieħu żewġ kotba b’XEJN, bl-istess kunċett ta’ qabel.

Ħaffef għax din l-offerta hija limitata.  Wieħed jista’ jixtri l-kotba billi jżur il-ħanut tal-Belt, fi Triq id-Dejqa, mid-9:00am sas-01:00pm mit-Tnejn sas-Sibt jew inkella mill-uffiċċju ta’ Triq il-Karmelitani, Santa Venera mit-08:30am sal-4:30pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Nawgurawlek is-Sena t-tajba mimlija hena, paċi, ġid…. u qari!

 

Żur il-paġna ta’ Facebook tal-Klabb Kotba Maltin

 

Presepju Naplitan tas-Seklu Tmintax f’Malta

 

Rigal ideali għall-Milied

Midsea Books għadhom kif ippubblikaw ktieb ideal għaż-żmien tal-Milied. ‘An eighteenth-century Neapolitan Crib in Malta’ huwa ktieb dwar presepju Naplitan ta’ Dun Edgar Vella. Dan il-presepju hu importanti prinċipalment minħabba tliet fatturi: dawl, forma, u l-kulur, li, mgħaġuna flimkien, juru l-imħabba infinita ta’ Alla lejn l-umanità sal-punt li jieħdu l-forma tal-bniedem u għad li jkunu twieldu bħala fqar fost il-fqar, jinfdew kollha bl-istess mod: l-għonja, il-qawwija, l-anqas privileġġati, l-emarġinati, l-marradin, u dawk li jbatu. Din il-forma ta’ sengħa tal-ogħla valur artistiku dejjem attirat personalitajiet varjati: minn prinċpijiet għal bankiera u negozjanti, minn saċerdoti umli għal lajċi devoti għal dawk li ma jemmnux , iżda, fuq kollox, dejjem ħoloq atmosfera unika li tħalli kemm l-adulti kif ukoll lit-tfal imsaħħra, tant li dawn tal-aħħar iħossuhom qed għixu fil-ġenna għal dawk il-mumenti.

It-tnedija ta’ dan il-ktieb ser issir illejla fis-6.30pm fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, Valletta, fejn dan il-presepju se jkun għal-wiri għall-pubbliku wkoll.

L-istorja ta’ dan il-prespju bdiet fl-1990 meta Fr Edgar Vella akkwista l-ewwel pasturi tiegħu għall-presepju fi swieq tal-antikità f’Londra, liema fosthom hemm il-Madonna minn Lorenzo Mosca, San Ġużepp minn Nicola Somma, u pastur rustiku minn Genzano, akkwisti tassew tajbin. Minn żmien għal żmien, Fr Edgar għamel akkwisti oħra u permezz ta’ osservazzjoni bir-reqqa, analiżi, u r-riċerka, aakwista pasturi ta’ ismijiet oħra importanti ta’ skulturi mis-Settecento;  Francesco Viva, Giuseppe De Luca, biċċiet oħra minn Lorenzo Mosca, Giuseppe Gori, Francesco u Camillo Celebrano, Salvatore Franco, Nicola u Aniello Ingaldi, u Francesco Cappiello. Ħafna pasturi huma ddatati għall-istabbiliment tal-workshops differenti li ġew varati fis-seklu Tmintax f’Napli. Uħud minnhom huma ta’ importanza kbira, bħal dawk ta’ Giuseppe Sanmartino, il-caposcuola tal-iskultura Naplitana.  Il-kollezzjoni ta’ Fr Edgar kibret matul dawn is-snin sakemm laħqet għadd sostanzjali ta’ pasturi. Dan il-fatt ta lok għall-ħtieġa li dan il-presepju jiġi muri lill-pubbliku ġenerali u għaldaqstant jaqsam ukoll is-sbuħija tal-arti Taljana tat-Tmintax-il seklu.

Dan il-ktieb għandu produzzjoni mpekkabli ħafna u għandu jinteressa lil dawk li jħobbu l-presepju u l-arti u l-istorja ta’ presepju bħal dan speċjalment  f’dawn iż-żminijiet.

DestinationArt

 

Open Day għall-Familja Kollha…

Għat-tielet sena konsekuttiva, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta, l-avveniment popolari DestinationArt, festa ta’ arti, letteratura, u mużika, ser issir nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Diċembru. Dan jista’ jkun l-aħħar ċans biex tara l-Mużew Nazzjonali tal-Arti b’xejn, fil-post attwali tiegħu, qabel ma jiċċaqlaq lejn l-Auberge tal-Italja.

Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti ser jospita numru ta’ avvenimenti bla ħlas lill-pubbliku ġenerali. Fl-10am ser jiftaħ għall-pubbliku. Midsea Books Ltd. ser ikunu preżenti b’varjeta’ sħiħa ta’ kotba ta’ kull età b’prezzijiet speċjali – minn kotba ffukati fl-arti u l-arkitettura sa kotba għat-tfal. Barra minn hekk, Pizza Hut ingħaqdet f’dan l-avveniment ukoll biex toffri ‘Nutella Breadsticks’ ma’ kull ordni Crust Crown. L-ewwel avveniment fil-Mużew ser isir fil-11:30am. Għodwa mużiko-letterarja – siltiet mużikali mill-kantanta brava Corazon li ser tkun qed tikkumpanja tlett tnedijiet ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kotba ġodda – Ħrejjef mis-Slovakkja, mill-kittieb Immanuel Mifsud, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura 2011, rakkontigriżi ta’ Charles Casha u Il-Fatati f’Malta ta’ Charles Zarb. Dan ser ikun immexxi mill-attur u kittieb, Ivan De Battista.

Mis-13.00 ‘il quddiem, il-mużew ser jospita numru ta’ avvenimenti inkluż laqgħa mad-disinjatur tal-komiks Fabio Agius, Rossella Schembri bit-tafal u l-fuħħar. Ser ikun hemm face painting għat-tfal. Barra minn hekk, Paul Caruana, l-artist residenti bħalissa ġewwa l-Loggia, ser ikun qed jgħin lit-tfal jippreparaw akwarelli tagħhom stess. Artisti tal-graffiti ser ikunu preżenti l-ġurnata kollha ukoll – il-viżitaturi ser jiġu mistiedna biex jipproduċu graffiti tagħhom stess fuq il-bordijiet ippreparati apposta.

Għal dawk li forsi qatt ma ddakkru fid-dinja tal-arti, forsi għal nuqqas ta’ għarfien dwar is-suġġett, ser ikun hemm tours speċjali dramatizzati, flimkien ma’ karattri animati bil-kostumi ta’ pitturi stess mill-Mużew.

Midsea Books, Pizza Hut u Teatru Manoel huma l-isponsors ewlenin ta DestinationArt 2011. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ċempel 21225769.

HEKK TĦABBAT IL-QALB MALTIJA

TRILOĠIJA TA’ OLIVER FRIGGIERI

Klabb Kotba Maltin għadhom kemm ippubblikaw il-volum Hekk Tħabbat il-Qalb Maltija, triloġija ta’  Oliver Friggieri. It-triloġija, magħmula mit-tliet rumanzi magħrufa ItTfal Jiġu bil-Vapuri, La Jibbnazza Niġi Lura u Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port, tpinġi fid-dettal il-ħajja f’Malta fl-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin, u hija ambjentata f’raħal imbiegħed kif ukoll fl-inħawi tal-Port il-Kbir, ċentru ta’ ħajja lejl u nhar. Il-ktieb jinkludi t-tliet rumanzi li fuqhom hi mibnija t-teleserje It-Tfal Jiġu bil-Vapuri.

Ir-rumanz ifittex li jippreżenta l-ħajja f’Malta bħala kolonja  Ingliża, u jpinġi l-konflitti fi ħdan il-familja, il-villaġġ u l-Port fejn il-kuntatt mad-dinja barranija kien importanti ħafna anki għall-impjiegi. F’dan il-kuntest isseħħ l-istorja ta’ Susanna, waqt li tinvolvi diversi persuni.

It-tliet rumanzi, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, La Jibbnazza Niġi Lura, u Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port, li issa ġew miġburin fi ktieb wieħed, jistgħu jinqraw kull wieħed għalih waħdu. Kull rumanz hu sħiħ waħdu, ħieles mit-tnejn l-oħra, imma miktub b’mod li jikkostitwixxi parti minn triloġija.

L-istorja sseħħ fi ħdan familja li tgħaddi mit-twelid ta’ tarbija barra miż-żwieġ. Konflitti soċjali u reliġjużi jwasslu għal ħafna ġrajjiet, li l-vittma ewlenija tagħhom hi Dun Grejbel, qassis twajjeb li ma hux mifhum mill-poplu daqskemm mill-awtoritajiet tal-Knisja. Hemm konflitt bejnu u l-Isqof tiegħu. Huwa jħallas prezz għoli ħafna għal dan. Susanna, l-omm żagħżugħa mhux-miżżewġa, tgħaddi minn tbatija kbira, iżda ommha, in-nanna suprema, il-mexxejja morali tal-familja estiża, jirnexxilha tpoġġi kollox f’postu.

Waqt li It-Tfal Jiġu bil-Vapuri u La Jibbnazza Niġi Lura jittrattaw l-aktar lill-ġenerazzjoni l-antika, Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port jirrakkonta l-iżjed il-mod kif Wistin, iben Susanna, li issa hu żagħżugħ, qiegħed ifittex l-għeruq tiegħu, u jixtieq jifforma xbieha ta’ missieru, Stiefnu, imbiegħed minnu għaliex jaħdem fil-Port il-Kbir bħala ‘bambott’ (referenza għal dgħajsa li kien ikun fiha l-bżonnijiet tan-nies ta’ fuq il-vapuri). Huwa jixtieq jiskopri wkoll lil ommu Susanna, fidila għal kollox lejn ommha Katarina, il-qofol tat-tradizzjoni u tal-kontinwita’. Ir-rumanz jittratta ħafna l-konflitt bejn it-tradizzjoni u l-moderniżmu f’Malta.

Il-Professur Oliver Friggieri tkellem hekk fuq dan ir-rumanz: ‘‘Ippruvajt inpinġi l-passat bl-iskop li nifhem aħjar x’qiegħed jiġri llum lill-familja. Permezz tal-passat jista’ jiftiehem kulma hu etern, u ma għandux żmien. Ir-rumanz hu dwar il-familja llum, u l-aktar dwar l-omm u n-nanna. Ir-rumanzi tiegħi ikkovinċewni li l-aħjar mod kif tifhem il-preżent huwa billi tistħarreġ il-misteri tal-passat. Ħafna nostalġija tidħol f’dan kollu, imma hi kollha nostalġija dwar il-preżent u l-futur. Din it-triloġija tipprova twassal il-messaġġ liż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu l-istabilita’ fl-imħabba u fir-relazzjonijiet personali. Iż-żgħażagħ jistgħu jindunaw li l-isfidi preżenti tagħhom huma aktar kumplessi minn dawk ta’ żmien ilu, u li l-imħabba hi l-akbar valur. Għandha prezz għoli ħafna!’’

Oliver Friggieri, Professur tal-Letteratura fl-Universita’ ta’ Malta, huwa l-awtur ta’ numru kbir ta’ kotba,  li aktar minn ħamsin minnhom ġew ippubblikati f’verżjonijiet diversi f’pajjiżi barrranin. Ir-rumanzi, in-novelli u l-poeżiji tiegħu ġew maqlubin f’diversi lingwi. Jikteb bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan.

Hekk Tħabbat il-Qalb Maltijahuwa edizzjoni speċjali  tal-Klabb Kotba Maltin. Fih aktar minn seba’ mitt paġna, hu maħruġ bħala ‘hardbound’ u huwa stampat b’mod pulit ħafna minn Gutenberg Press. Jinsab għall-bejgħ għand il-Klabb Kotba Maltin, Santa Venera u Valletta għall-prezz ta’ € 27 jekk wieħed ikun membru fil-paġna ta’ Facebook, flok € 40.

rakkontigriżi

Il-Ktieb ġdid ta’ Charles Casha

Ġabra ta’ 25 rakkont

rakkontigriżi

Klabb Kotba Maltin: 2011

pp. 343

ISBN 978-99932-7-384-4

rakkontigriżi huwa l-aħħar ktieb ta’ Charles Casha, u huwa wkoll is-sitt ġabra ta’ stejjer qosra għall-kbar.  Din il-ġabra voluminuża tiġbor fiha 25 rakkont li l-awtur jqabbilhom mal-lewn griż fil-ħajja. Hawn min jara kollox iswed fil-ħajja u hawn min jara kollox abjad. Imma fil-fatt, hemm ħafna li hu ġriż. L-awtur jittratta diversi temi, f’ambjenti u żminijiet differenti. Xi wħud minn dawn ir-rakkonti għandhom ambjent li mhux lokali, fosthom il-belt ħelwa u tant maħbuba mill-awtur, St.Ives qrib Cambridge.

Is-suġġetti trattati huma varjati u fost dawn ta’ min isemmi l-imħabba, ir-rgħiba, l-għira, is-solitudni, is-satira, l-umoriżmu u r-rabja. Bħal dejjem Casha jagħti importanza kbira lill-karattri li ħoloq f’dawn l-istejjer.

Il-qoxra tal-ktieb hija ritratt li l-awtur stess ħa f’waħda mill-mawriet tiegħu fl-Ingilterra.

rakkontigriżi huwa l-ktieb li wieħed jista’ jżomm fuq il-komodina ħdejn is-sodda u jaqra storja qabel jorqod. Li taqra storja qabel ma torqod, mhix qiegħda għat-tfal biss imma għal kull etá.

Dan il-ktieb qiegħed għall-prezz ta’ € 14 BISS.

Jista’ jinxtara mill-ħanut tal-Klabb Kotba Maltin, 3A, Triq id-Dejqa, Il-Belt Valletta jew mill-uffiċċju ta’ Midsea Books Ltd. f’68, Triq il-Karmelitani, Santa Venera jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook jew minn fuq is-sit elettroniku – http://www.midseabooks.com jew mill-Blog tal-Klabb Kotba Maltin jew inkella billi wieħed iċempel fuq 2149 7046.  

 

 

Midsea Books Ltd. – L-Aktar Pubblikatur li Rebaħ Premjijiet.

5 Premijiet prestiġjużi minn Kategoriji diversi

Il-Ħamis 03 ta’ Novembru filgħaxija, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Belt, saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2011.  Din is-sena kienet l-erbgħin sena li ngħataw premijiet f’ġieħ il-Ktieb Malti.

Midsea Books Ltd. rebaħ ħames (5) premijiet minn firxa ta’ kategoriji li kienu mqassmin f’din iċ-ċerimonja, biex huwa l-iktar pubblikatur din is-sena li kiseb premjijiet.  Din hija turija tal-impenn ta’ Midsea Books Ltd. fil-qasam tal-lingwi, storja u kultura ta’ pajjiżna. Il-kotba rebbieħa huma:

Mill-kategorija tal-Proża mhux Fittizja, rebaħ il-ktieb tal-mibkija Annabelle Vassallo, Irrid Ngħix, ktieb illi seraq il-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin.

Mill-kategorija tar-Riċerka Bijografika u Storika bil-Malti jew b’Lingwa Oħra, rebaħ il-ktieb Francesco Zahra 1710-1773 ta’ Dr Keith Sciberras.  Dan il-ktieb jiċċelebra l-anniversarju ta’ 300 sena mit-twelid ta’ Francesco Zahra billi juri bl-aktar mod wiesa’ l-firxa straordinarja tal-produzzjonijiet tal-artist.

Fil-kategorija tar-Riċerka Ġenerali bil-Malti jew b’Lingwa Oħra, Midsea Books Ltd. rebħet b’żewġ kotba.  L-ewwel post f’din il-kategorija rebaħ il-ktieb A Complete Guide to the Birds of Malta ta’ Natalino Fenech, li huwa almanak estensiv li jitkellem dwar dak kollu li huwa relatat mal-għasafar f’Malta.  It-tieni post rebħitu l-awtriċi Matty Cremona bil-ktieb tagħha, The Way we Ate, xogħol li jitratta l-ikel tipiku Malti u l-memorji tiegħu.

Mill-kategorija tal-premijiet speċjali, il-ktieb tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti Edward Caruana Dingli, kiseb il-premju għall-aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb b’Lingwa oħra.  Apparti mill-mod professjonali li dan il-ktieb huwa ppubblikat, huwa ġawhra għall-melitensja Maltija.  Ktieb li jitkellem dwar il-pittur magħruf tas-seklu għoxrin li x-xogħlijiet tiegħu huma ikoniċi għal pajjiżna.

Midsea Books Ltd. ħasbet biex toffri dawn l-aħħar erba’ kotba f’pakkett wieħed għall-prezz fenomenali ta’ € 190 flok il-prezz normali ta’ € 268.  Dawn jistgħu jinxtraw mill-ħanut tal-Klabb Kotba Maltin, 3A, Triq id-Dejqa, Il-Belt Valletta jew mill-uffiċċju ta’ Midsea Books Ltd. f’68, Triq il-Karmelitani, Santa Venera jew mill-paġna ta’ Facebook tal-Klabb Kotba Maltin jew inkella billi wieħed iċempel fuq 2149 7046.

 

Intervista ma’ Immanuel Mifsud – Rebbieħ tal-Premju Letterarju Ewropew 2011…

Il-Ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin huwa r-Rebbieħ tal-Premju Letterarju Ewropew 2011

Unur prestiġjuż għal Kittieb Malti – Immanuel Mifsud

Nhar il-Erbgħa 09 ta’ Novembru, 2011 fis-18:00 fil-Fiera tal-Ktieb, Dar il-Mediterran, Valletta, Immanuel Mifsud ser ikun intervistat għall-Ewwel darba wara l-unur prestiġjuż li kiseb.  Din l-intervista, li ilha tant mistennija, ser issir minn Dr Albert Gatt.

 

Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) ta’ Immanuel Mifsud li ġie ppubblikat is-sena l-oħra mill-Klabb Kotba Maltin, għadu kemm rebaħ il-Premju tal-Letteratura tal-Unjoni Ewropea 2011.  L-għan ta’ dan il-Premju, li huwa ffinanzjat mill-Programm Kulturali tal-EU, huwa biex jippromwovi l-firxa tal-kitba fictionkontemporanja fl-Ewropa kollha u li jippromwovi l-mobilità transkonfinali tal-isforzi kulturali kollha u għalhekk trawwem djalogu interkulturali.

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti (KMKA) organizzat l-istand għal ħamest ijiem, fil-Fiera ta’ Frankfurt, fejn ġie mħabbar dan il-premju, bil-għan li tiġi żgurata viżibbiltà ta’ kotba Maltin fis-suq internazzjonali, biex jgħollu l-prestiġju ta’ xogħlijiet letterarji Maltin internazzjonalment, biex tiżviluppa d-domanda internazzjonali għax-xogħlijiet letterarji Maltin kif ukoll sabiex jinbigħu drittijiet ta’ kotba Maltin internazzjonalment.

Immanuel Mifsud huwa magħruf għall-proża u għall-poeżija miktuba b’ġeneru kontemporanju. Uħud iqisu l-kitba ta’ Mifsud bħala mument partikolari fl-istorja tal-letteratura lokali. F’artiklu ppubblikat f’www.re-vu.com Mark Vella sellem il-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), bħala punt ta’ riferiment fil-letteratura Maltija.

Ispirat minn djarju ta’ missieru li l-awtur sab b’kumbinazzjoni, mibdi meta dan kellu 19-il sena propju lejliet it-Tieni Gwerra Dinjija, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), huwa bijografija qasira ta’ missier li ħalla impronta skura fuq l-awtur. Iżda l-ktieb huwa ħafna iktar minn sempliċi bijografija, għaliex jagħti rendikont tar-relazzjoni delikata bejn il-missier u l-iben, b’referenzi għall-Kumpless Edipiku Freudjan li jgħabbi lill-iben b’sens qawwi ta’ ħtija, weġgħat u ammirazzjoni. B’narrazzjoni emozzjonanti, il-ktieb imbagħad jgħaddi biex jippreżenta lill-kittieb fir-rwol tal-missier, u hawn jinkixef il-bniedem li jiddubita u joqgħod lura fil-pożizzjoni skomda li jsib ruħu fiha.

Il-ktieb jista’ jitqies bħala l-kontemplazzjoni ta’ Immanuel Mifsud dwar il-maskulinità, fi żmien meta ħafna studji qegħdin jisħqu li l-maskulinità tinsab fi kriżi. Kif jinnota l-akkademiku Albert Gatt, l-istil li Mifsud juża f’dan ix-xogħol ma jagħmilhiex faċli għall-qarrejja li jikklassifikaw dan il-ktieb, għax la huwa bijografija, la awtobijografija, la storja imma fl-istess waqt għandu l-karatteristiċi ta’ dawn il-ġeneri kollha.

F’mumenti poetiċi, f’oħrajn akkademiċi meta l-kittieb, bl-għajnuna ta’ ħassieba bħal Susan Bordo, Helene Cixous u Julia Kristeva, jistħarreġ xi tfisser li tkun raġel, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) huwa taħlita ta’ tekniki letterarji differenti, tassew l-ewwel ktieb tat-tip tiegħu fil-letteratura Maltija.

Il-premju kien imħabbar fi Frankfurt l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru u l-għoti uffiċjali tal-premjijiet se ssir fi Brussell fit-28 ta’ Novembru.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku: http://www.euprizeliterature.eu/

Dan il-ktieb ser ikun għall-bejgħ mill-istand tal-Klabb Kotba Maltin fil-fiera tal-Kotba bil-prezz ta’ € 7.

Wieħed jista’ jixtrih ukoll mill-ħanut tal-Klabb Kotba Maltin, 3A, Triq id-Dejqa, Il-Belt Valletta jew mill-uffiċċju ta’ Klabb Kotba Maltin f’68, Triq il-Karmelitani, Santa Venera.

Merħba

Merħba fil-blog il-ġdid tal-Klabb Kotba Maltin.

Wara tlett xhur mill-ftuħ tal-paġna ta’ Facebook tal-Klabb Kotba Maltin, issa ftaħna wkoll dan il-blog, biex nilħqu lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kotba u m’għandhomx Facebook.

Fuq dan is-sit, ser jibda jkun hawn informazzjoni dwar kotba ġodda, kittieba, offerti u ħafna aktar informazzjoni.

Min irid jissieħeb fil-paġna ta’ Facebook tal-Klabb Kotba Maltin, jagħfas hawnhekk.

Tisimgħu minn għandna dalwaqt.